A A A
Language:

Stqarrija għall-Midja: Id-Dipartiment tad-Dwana jkomplu jeskala l-battalja tiegħu kontra l-moviment ta’ sigaretti tal-kuntrabandu


Fost l-affarijiet li jagħmlu Stat sovran hemm il-kapaċita’ tal-gvern li jistabbilixxi t-taxxi dovuti u li jkollu l-mekkaniżmi f’posthom biex tali taxxi jinġabru fil-pront u b’mod sħiħ. Għalhekk, kull kuntrabandu, mhux l-anqas dak tas-sigaretti u prodotti tat-tabakk, huwa kkunsidrat bħala assalt dirett fuq il-kapaċita’ tal-gvern li jiġbor dak li hu dovut, u għaldaqstant, huwa, indirettament, assalt frontali fuq is-sovranita’ tal-Istat.

Fid-dawl ta’ dan, il-ħidma tad-Dipartiment tad-Dwana kontra l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ sigaretti tal-kuntrabandu tibqa’ waħda prijoritarja minħabba li din qiegħda tagħmel ħsara kbira lill-pajjiż.  F’dawn l-aħħar snin id-Dipartiment tad-Dwana, apparti l-kampanja agressiva ta’ infurzar li kien għaddej biha, kien qiegħed jeżamina sew is-sitwazzjoni.

Minn dan l-eżerċizzju ħareġ ċar li, potenzjalment, l-effett tad-deterrent fuq min jikser il-liġi kien relattivament baxx tant li ma kienx qiegħed jiskoraġġixxi s-sogru għall-kuntrabandu. Tant hu hekk, li huma ħafna l-każi ripetittivi li taqbad id-Dwana.

Għalhekk, inħass il-bżonn li tiġi ittrattata din is-sitwazzjoni anomala fid-diversi oqsma b’mossa li tindirizza kemm id-domanda għal dan il-prodott (demand side), kif ukoll l-ammont għad-dispożizzjoni biex jissodisfa din id-domanda (supply side). Dan ifisser li d-Dwana ma kien fadlilha l-ebda triq oħra ħlief li tibda tipproċedi bl-istess mod kemm kontra min jimporta u jbiegħ, kif ukoll kontra min jikkonsma tali sigaretti.

Għal dan il-għan, is-sena l-oħra, ġew emendati l-provvedimenti tal-liġi li jirrigwardjaw il-multi fuq evażjoni ta’ sisa.

Iż-żieda f’dan ir-rigward mhix kosmetika:

 *   il-multi minimi fuq reati deċiżi bi ftehim barra l-Qorti żdiedu minn €250 għal €1,500;

 *   il-multi minimi fuq reati ttrattati mill-Qorti żdiedu minn €500 għal €3,500 fil-każ ta’ konfiska, u minn €600 għal €4,000 fil-każ ta’ evażjoni; u
 *   il-multa massima fuq reati ttrattati mill-Qorti hija ta’ €25,000.

Minbarra dan id-deterrent, l-awtoritajiet tad-Dwana u tal-Pulizija żiedu l-infurzar u dan billi jsaħħu r-riżorsi tagħhom.

Id-Dipartiment tad-Dwana seta’ mar oltre minn hekk, imma ħass li, għalissa, daqshekk għandu jkun biżżejjed biex jitwassal il-messaġġ meħtieġ. Min jidhirlu li għandu jibqa’ jippersisti fil-ksur tal-liġi issa qed jsib li l-liġi saret aktar soda u b’saħħitha u dan għaliex iċ-ċittadin onest, li jħallas it-taxxi kollha, jimmerita li jkun protett b’mod aktar qawwi.

Sadanittant, id-Dipartiment tad-Dwana, fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jagħmel kampanja ta’ għarfien ħalli l-pubbliku jkun infurmat sew b’dan id-deterrent. Il-kampanja:

•        se tinkludi l-użu ta’ kull mezz ta’ informazzjoni possibbli;
•        se teħodna f’kull belt u raħal;
•        se tidħol fil-Kunsilli Lokali, Għases tal-Pulizija, Banek kummerċjali, Branek tal-Posta; uffiċċji distrettwali ta’ Job Plus;
•        se żżur s-swieq u ż-żoni industrijali; u
•        se tidħol f’kull dar, f’kull uffiċċju governattiv, f’kull Għaqda, Soċjeta’, Każin u ħwienet diversi.

F’din il-kampanja se jsir użu minn 5,000 poster, 300,000 leaflet u 80,000 sticker. Impjegati tad-Dwana se jkunu qed iżuru, biex jispjegaw lin-nies, 17 il-monti u żoni industrijali. Se jintuża wkoll il-medium tas-socioal media u r-radjijiet.

Id-Dipartiment tad-Dwana għal darba oħra jtenni li l-kuntrabandu huwa reat kriminali serju ħafna li, f’każ ta’ ħtija quddiem il-Qorti, iġorr miegħu penali fiskali ħorox, konfiska tal-mezz tal-ġarr, konfiska tal-mezz tal-ħażna u, saħansitra, anki kkunsidrata piena karċerarja.

Id-Dipartiment tad-Dwana jkompli jappella għall-għajnuna tal-pubbliku billi jċempel b’mod anonimu fuq in-numri 2568 5124 jew 2568 5200.