A A A
Language:

Media Release: Id-Dwana tinterċetta erba’ containers fil-Freeport b’eluf ta’ oġġetti kontrafatti (foloz)

Minbarra sitt containers li bejniethom kienu qed iġorru moħbija 400 kilo kokaina bil-valur fit-triq stmat li jlaħħaq €49 miljun, matul l-aħħar ġimgħat Uffiċjali tad-Dwana interċettaw erba’ containers oħra li kienu qed iġorru eluf ta’ oġġetti tal-kuntrabandu kontrafatti (foloz):

  • mill-ewwel container ġew elevati 19,484 par żarbun sportiv falz;
  • fit-tieni container instabu 24,912-il tubu tat-toothpaste, 23,184 flixkun roll-on deodorant u 35,784-il flixkun ta’ tonic tax-xahar, ilkoll foloz;
  • mit-tielet container ġew konfiskati 94,668 kontenitur bix-shampoo falz; u
  • fir-raba’ container instabu 7,476 ballun tal-football falz.

 Din il-ħidma kienet koordinata bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, fosthom il-Container Monitoring Unit, l-Intellectual Property Rights Unit u l-iScanning Team.

 L-oġġetti kollha maqbuda, li wħud minnhom huma wkoll ta’ periklu għas-saħħa, irriżulta li huma kollha kontrafatti wara li  rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji right holders rispettivi, li huma propjetarji tal-marki reġistrati (trademarks), ikkonfermaw l-illegalita’ ta’ dawn il-konsenji, u kkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni id-dritt tal-propjeta’ intellettwali. Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpaniji kontraventriċi f’kull każ.