A A A
Language:

Press Release: 36 kontejner, minn konsenja ta’ 44, maqbuda mid-Dwana fil-Freeport


*   L-akbar konsenja ta’ kontejners maqbuda fl-istorja tad-Dwana Maltija
*   Eluf kbar ta’ żraben, ħwejjeġ u hand bags, fost oħrajn, mistennija li jkunu kkonfiskati
*   L-operazzjoni mistennija tieħu ġranet twal biex tingħalaq

Fil-ġranet li għaddew tnediet operazzjoni kbira mid-Dwana Maltija fuq konsenja ta’ 44 kontejner fil-Freeport.

F’din l-operazzjoni, li għadha għaddejja, qed jieħdu sehem attiv Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Moniteraġġ tal-Kontejners (Containers’ Monitoring Unit), mit-Taqsima tal-Iscanning (Scanning Unit) u mit-Taqsima tal-Propjeta’ Intellettwali (Intellectual Property Rights Unit), fejn qiegħed jintuża l-iscanner sofistikat tad-Dwana. Qed jagħtu sehemhom ukoll f’din l-operazzjoni impjegati tal-Malta Freeport Terminals Ltd u membri tas-sigurta’ tal-Malta Freeport Corporation.

Mill-konsenja ta’ 44 sħiħa, li l-maġġoranza tal-kontejners kienu ta’ daqs ta’ 45 pied u l-oħrajn ta’ daqs ta’ 40 pied, f’36 kontejner instab li kien qed jinġarr fihom eluf ta’ prodotti li jiksru l-Liġi tal-Propjeta’ Intellettwali (CAP 414). It-8 kontejners l-oħra irriżultaw korretti. Interessanti huwa l-fatt li, bit-tama li l-konsenjatur ta’ din il-konsenja kbira ta’ kontejners jinganna bid-Dwana, l-ewwel 20 pied mill-bieba ta’ kull kontejner kienu mimlija bi prodotti leċti bħala coverload, bil-prodotti illeċti moħbija warajhom. Din il-mossa li ma rnexxietx għaliex dak li ma kienx possibli li jaraw b’għajnejhom l-Uffiċjali tad-Dwana hekk kif jiftħu l-kontejners, kien possibli li jarawh bl-iscanner.

Il-kontejners kollha oriġinaw minn pajjiż fl-Asja u kienu lkoll destinati għal pajjiż Afrikan.

Bħalissa, il-kontejners maqbuda qed jitbattlu fiżikament, f’operazzjoni li mistennija tieħu numru ta’ ġranet mhux ħażin. Fil-fatt, sa issa tbattlu 8 kontejners, li fihom irriżulta li kien hemm prodotti folozta’ ditti rinomati, kif ġej:


*   91,750 aċċessorji ta’ telefons ċellulari;
*   46,863 biċċa ħwejjeg;
*   43,915-il par żarbun sportiv;
*   14,365 trsck suit;
*   7,770 par żarbun; u
*   750 game controllers.

Id-Dwana Maltija tqis li din hi l-akbar konsenja ta’ kontejners f’daqqa li qatt ikkonfiskat u, il-fatt li fadal 28 kontejner x’jitbattlu, kollox jindika li l-ammonti ser jilħqu figura rekord. L-akbar konsenja maqbuda fil-passat kienet ta’ 15-il kontejner.

Rendikont finali ta’ kull ma jkun ġie kkonfiskat f’din l-operazzjoni jinagħta hekk kif din tingħalaq.