Wara ħidma koordinata bejn diversi Taqsimiet tad-Dwana, mifruxa fuq numru ta’ ġimgħat, u li fiha sar użu wkoll mill-iscanner tad-Dipartiment, ġew interċettati erba’ containers mimlija sigaretti tal-kuntrabandu kontrafatti. It-Taqsimiet tad-Dwana li ħadu sehem f’din l-operazzjoni kienu l-Intellectual Property Rights Unit, il-Containers Monitoring Unit u l-Customs Scanning Unit.
Is-sigaretti rriżulta li huma kollha kontrafatti u dan ġie kkonfermat mir-rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji li jimmanifatturaw dawn it-trademarks (right holders).
- Fl-ewwel container li ġie eżaminat instabu 10 miljun sigarett tal-kuntrabandu;
- fit-tieni container instabu 8.5 miljun sigarett;
- fit-tielet container 10 miljun sigarett ieħor; u
- r-raba’ container kellu fih 8.5 miljun sigarett.
B’kollox, total globali ta’ 37 miljun sigarett. L-erba’ containers oriġinaw mill-Kambodja u kienu fi triqithom lejn il-Libja.
Dawn is-37 miljun sigarett, magħduda mat-total ta’ 11.6miljun sigarett tal-kuntrabandu li inqabdu aktar kmieni din is-sena, itellgħu l-figura ta’ sigaretti maqbuda sa issa din is-sena għal 48.6 miljun. Din hi figura rekord għad-Dwana ta’ Malta.