A A A
Language:
Home / Notice Board

Notice Board

Stqarrija mid-Dipartiment tad-Dwana - Kjarifika fuq is-Sisa

AVVIŻ MAĦRUĠ MID-DIPARTIMENT TAD-DWANA

Kjarifika fuq is-Sisa 

 

Batteriji 

Ma ddaħlet l-ebda sisa fuq il-batteriji. Anzi, l-eko-kontribuzzjoni fuqhom se titneħħa mill-1 ta' Jannar 2017. Fil-bidu tas-sena d-dieħla, l-ERA se tintroduċi skema li tikkonċerna l-ġbir u r-rimi tal-batteriji skont kif mitlub mid-Direttiva Ewropeja tal-batteriji. 

Toiletries 

  • Ma ddaħlet l-ebda sisa ġdida fuq prodotti ta’ deterġenti u disinfettant li jaqgħu taħt HS Heading 3402. Dan biex jiġi ċċarat li prodotti tal-ħasil tal-ħwejjeġ, prodotti tal-ħasil tal-art, prodotti tal-ħasil tal-platti, deterġenti u disinfettant mhux se jkunu intaxxati. Dawn il-prodotti qabel kienu suġġetti għall-eko-kontribuzzjoni li issa ser titneħħa minn fuqhom. 
  • Ma ddaħħlet l-ebda sisa fuq prodotti ta’ iġjene tal-ħalq li jaqgħu taħt HS Heading 3306.  Dan biex jiġi ċċarat li  toothpaste, mouthwash, u prodotti tad-dentatura mhux se jkunu intaxxati. Dawn il-prodotti qabel kienu suġġetti għall-eko-kontribuzzjoni li issa ser titneħħa minn fuqhom. 
  • Dan ifisser li t-taxxa il-ġdida tas-sisa, li ħadet post l-eko-kontribuzzjoni, se tiġi mdaħħla biss fuq prodotti ta’ tindif personali u sbuħija kif imsemmija hawn isfel: 

-          fwieħa,  toilet waters, aftershave etc;
-          make-up u prodotti tal-ġilda pero esklużi prodotti li huma medikamenti;
-          prodotti tax-xagħar;
-          sapun u deodoranti; u
-          room deodorisers. 

  • L-impatt medju fuq ir-retail price tal-prodotti tat-tindif personali se jkun ta’ 1.3% inkluż il-VAT. 

Xarbiet non-alkoħoliċi 

  • Ir-rata tas-sisa fuq xarbiet non-alkoħoliċi żdiedet b’żewġ ewro ċenteżmi fuq kull litru, fl-istess ħin li r-rata tas- sisa fuq l-ilma baqgħet mhux mittiefsa. 
  • L-impatt medju fuq ir-retail price tax-xarbiet non-alkoħoliċi se jkun ta’ 1.9% inkluż il-VAT. 

Garbage bags 

  • Ma ddaħlitx taxxa tas-sisa ġdida fuq il-garbage bags. Il-garbage bags kienu diġa’ suġġetti għas-sisa. F'dan il-baġit żdiedet ir-rata, għal skop ambjentali, fuq il-boroż is-suwed biss li jintużaw għal skart mhux riċiklabbli, pero ġew eslużi dawk bio-degradable
  • Il-boroż il-ħodor u l-griżi li jintużaw għal skart riċiklabbli mhumiex intaxxati. 
  • L-impatt medju fuq ir-retail price tal-boroż is-suwed se jkun ta’ 1.2% inkluż il-VAT. 

Siment 

  • It-taxxa tas-sisa fuq is-siment u r-rata tiegħu ma tmissewx din is-sena. 
  • Daħlet sisa fuq planki u blajjet impurtati. Għalhekk, hija ċara li planki/blajjet maħduma lokalment li jkunu diġa’ ħallsu s-sisa fuq is-siment u l-vireg huma eżentati. Dan ifisser li: 

-          ddaħlet taxxa ġdida tas-sisa fuq pre-fabricated concrete structures pero ġew esklużi dawk li fil-manifattura tagħhom ikun intuża siment u vireg tal-ħadid li fuqhom tkun diġa’ tħallset it-taxxa tas-sisa. B’din il-miżura operaturi lokali fl-industrija tal-kostruzzjoni mhux ser jibqgħu suġġetti għal kompetizzjoni inġusta minn kuntratturi barranin, li sabu toqba minn fejn jgħaddu billi jdaħħlu fil-pajjiż strutturi lesti tal-konkrit u b’hekk ikunu evitaw is-sisa fuq is-siment; 

-          għaldaqstant, is-sisa fuq tali strutturi qieġħda tkopri s-siment u l-ħadid li jkollhom fihom. Strutturi simili li jiġu manufatturati lokalment qed jiġu eżentati. B’dan il-metodu nserrħu rasna illi dawk manufatturati lokalment ma jkunux suġġetti għal taxxa doppja u dawk impurtati minn barra ma jibqgħux jgħaddulna mit-toqba li fetħu. 

Prodotti tat-tabakk 

  • Żdiet id-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti, sigarri u cigarillos bi 3.76% u tat-tabakk tal-brim u tabakk ieħor b’medja ta’ 5.5%. 

Heating Fuel 

  • Ir-rata tal-heating fuel ma nbidlitx. Operaturi fil-qasam tal-fuel, flimkien ma’ rappreżentanti tagħhom mill-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU, fix-xhur li għaddew avviċinaw lill-Gvern jilmentaw minn kompetizzjoni inġusta kaġun ta’ użu illeċtu ta’ diesel li jinxtara b’rata mraħħsa b’aktar minn 50 fil-mija, u li, minflok jintuża biex wieħed isaħħan, jista’ jagħti l-każ li kien qiegħed jintuża bħala propellant. Għalhekk, inżammu numru ta’ laqgħat bejn dawn ir-rappreżentanti u d-Dipartiment tad-Dwana, u ntlaħaq ftehim kif ġej: 

-          il-fuel li jinxtara għal skop ta’ heating ser jibqa’ jiġi ntaxxat kif kien, b’rata mnaqqsa b’aktar minn 50%. Madankollu, biex tinqata’ kull possibilita’ ta’ abbuż, li jwassal għal kompetizzjoni inġusta u telf ta’ erarju għall-Gvern, mill-lum, kif espress fl-Abbozz ta’ Liġi tal-Implimentazzjoni tal-Baġit ippreżentat il-bieraħ, iddaħħlet sistema ta’ rifużjoni minflok is-sistema ta’ rata aktar baxxa; fuq l-istess mudell li qiegħed jitħaddem bħalissa rigward id-diesel li jintuża fil-qasam marittimu. B’hekk l-benefiċjarji leċti kollha se jibqgħu igawdu minn din ir-rata baxxa fl-istess ħin li jinqatgħu l-abbużi; 

-          sptarijiet pubbliċi, djar tal-anzjani pubbliċi, il-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, entitajiet sportivi, filantropiċi u reliġjużi awtorizzati mill-Ministru għall-Finanzi, kif ukoll fran tal-ħobż sa massimu ta’ litri kull xahar meħtieġa skond kif iċċertifikat minn mechanical engineer kwalifikat, ser jibqgħu intitolati li jixtru dan il-fuel b’rata ridotta mill-ewwel; u 

-          riċevituri leċti ta’ heating fuel intitolati għal rifużjoni ser jieħdu r-rifużjoni tagħhom fi żmien ħames ġimgħat minn meta ssir it-talba, l-istess kif qiegħed isir bħalissa fuq diesel li jintuża fil-qasam marittimu; u 

-          din hi miżura fiskalment newtrali u l-iskop tagħha huwa biss wieħed ta’ infurzar aħjar.