AVVIŻ MAĦRUĠ MID-DIPARTIMENT TAD-DWANA
Heating Fuel
Ir-rata tal-heating fuel ma nbidlitx. Operaturi fil-qasam tal-fuel, flimkien ma’ rappreżentanti tagħhom mill-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU, avviċinaw lill-Gvern jilmentaw minn kompetizzjoni inġusta kaġun ta’ użu illeċtu ta’ diesel li jinxtara b’rata mraħħsa b’aktar minn 50 fil-mija, u li, minflok jintuża biex wieħed isaħħan, jista’ jagħti l-każ li kien qiegħed jintuża bħala propellant. Għalhekk, inżammu numru ta’ laqgħat bejn dawn ir-rappreżentanti u d-Dipartiment tad-Dwana, u ntlaħaq ftehim kif ġej:
- il-fuel li jinxtara għal skop ta’ heating ser jibqa’ jiġi ntaxxat kif kien, b’rata mnaqqsa b’aktar minn 50%. Madankollu, biex tinqata’ kull possibilita’ ta’ abbuż, li jwassal għal kompetizzjoni inġusta u telf ta’ erarju għall-Gvern, mill-lum, kif espress fl-Abbozz ta’ Liġi tal-Implimentazzjoni tal-Baġit ippreżentat il-bieraħ, iddaħħlet sistema ta’ rifużjoni minflok is-sistema ta’ rata aktar baxxa; fuq l-istess mudell li qiegħed jitħaddem bħalissa rigward id-diesel li jintuża fil-qasam marittimu. B’hekk l-benefiċjarji leċti kollha se jibqgħu igawdu minn din ir-rata baxxa fl-istess ħin li jinqatgħu l-abbużi;
- sptarijiet pubbliċi, djar tal-anzjani pubbliċi, il-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, entitajiet sportivi, filantropiċi u reliġjużi awtorizzati mill-Ministru għall-Finanzi, kif ukoll fran tal-ħobż sa massimu ta’ litri kull xahar meħtieġa skond kif iċċertifikat minn mechanical engineer kwalifikat, ser jibqgħu intitolati li jixtru dan il-fuel b’rata ridotta mill-ewwel; u
- riċevituri leċti ta’ heating fuel intitolati għal rifużjoni ser jieħdu r-rifużjoni tagħhom fi żmien ħames ġimgħat minn meta ssir it-talba, l-istess kif qiegħed isir bħalissa fuq diesel li jintuża fil-qasam marittimu.
Din hi miżura fiskalment newtrali u l-iskop tagħha huwa biss wieħed ta’ infurzar aħjar.